Danusan/Blog /X’qed jagħmlu d-DANUSAN?
Is-SAN jirrakonta

Blog

X’qed jagħmlu d-DANUSAN?

Wara 5 snin tqum fil-5am, iddum mhux ħażin biex taqbad kaptu, Qisek erġajt bdejt ħajja mil-ġdid. Ikolli nammetti li bdejt inħossni qisni qattus imsewwi l-ewwel ġranet. Taf kif qisu xi ħadd ħadlek xi ħaġa!

Għamilt l-ewwel jumejn inqum xorta fil-5am. X’aktarx qed tgħidu mhux bil-fors tkun drajt….jew hekk jew inkella għax tkun defiċenti biż-żejjed li nsejt titfi l-alarm. Wara li tfejt l-alarm xorta waħda spiċċajt qomt kmieni għax qamet il-mara u werżqet malli ratni! Anke għaliha huwa xokk li ssibni hemm malli tiftaħ għajnejha.

Irrealizzajt ukoll kemm għandi ħwejjeġ li qatt ma lbist, għax peress li dejjem nagħżel il-ħwejjeġ fid-dlam, qisek dejjem tispiċċa tieħu tal-wiċċ ma’ xi kalzetti bit-toqba.

Bil-mod il-mod jidher li ġejjin f’tagħna u mill-ewwel qed naħdmu fuq il-proġetti li għandna pjanati fil-futur qarib. L-ewwel wieħed ikun ‘Il-Kotba Jieħdu l-Ħajja’ fejn parti mil-fiera tal-ktieb, ingħatajna l-inkarigu li nanimaw il-kotba tat-tfal li huma rebbieħa għal din is-sena.

Dan se jkun ukoll l-uniku xow li se nagħmlu għat-tfal peress li x-xows l-oħra kollha li se ntellgħu tul is-sena se jkunu mmirati għall-kbar. Hija opportunita’ unika li apparti li nħajjru lit-tfal japprezzaw u jaqraw il-kotba, tidħku u tieħdu gost bħala familja.

Jekk intom interessati tiġu, il-prezzijiet huma ssusidjati. Jekk tixtru biljetti ta’ €5 tingħataw voucher ta’ €2 biex tonfquhom lura f’kotba. Dan apparti d-divertiment u l-attivitajiet varji li jkun hemm waqt il-festival tal-Ktieb.

Written By: control_dan